Għawdex għandu sfidi kbar fosthom insularità doppja jiġifieri gżira fuq il-periferija ta’ gżira oħra, popolazzjoni zgħira b`densità qawwija, rizorsi limitati, ambjent fraġli, dipendenza kbira fuq is-settur primarju u fuq dik sekondarja. Il-Prodott Gross Domestiku per kapita huwa b’mod sinjifikanti iktar baxx minn dak ta’ Malta kollha kemm hi. Id-distakk ekonomiku bejn Għawdex u Malta hu wieħed evidenti li qiegħed jiżdied.
It-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea (UE) jagħraf l-iżvantaġġi partikolari ta’ gżejjer-reġjuni bħal Għawdex u għalekk saru arranġamenti speċjali fost oħrajn l-artiklu 158 tat-Trattat ta’ l-UE li jgħid li l-UE għandha timmira sabiex titnaqqas id-disparità fl-iżvilupp tar-reġjuni kif ukoll dikjarazzjoni dwar il-gżejjer-reġjuni annessa mat-Trattat ta’ l-UE u allura dwar il-fatt li l-gżejjer reġjuni jsofru minn numru ta’ problemi strutturali li jaffettwaw l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tagħhom.
Fin-Negozjati dwar Għawdex fl-Unjoni Ewropea insibu Dikjarazzjoni dwar Għawdex mehmuza mat-Trattat ta’ Adeżjoni li tinkludi ċ-ċirkostanzi speċifici tal-gżira Għawdxija. Dikjarazzjoni li intlaħaq ftehim dwarha fis-Summit ta’ Copenhagen f’Diċembru 2002.
Rapport Musotto
Id-Dikjarazzjoni li Malta għamlet ingħatat saħħa permezz ta` rapport li l-Membru Parlamentari Taljan Francesco Musotto għamel dwar il-gżejjer u d-diffikultajiet naturali u ekonomiċi tagħhom fil-kuntest tal-politika reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan ir-rapport fil-qosor jgħid li fit-tfassil tal-politika u l-liġijiet tagħha, l-UE ghandha tkejjel l-impatt fuq il-gżejjer u tindirizza dan l-impatt u dan biex dawn il-gżejjer jingħataw kull opportunita ġusta biex jintegraw bis-sħiħ fis-suq Ewropew u fl-Istrateġija ta’ Liżbona. Ir-rapport Musotto jkompli jgħid li l-Kummissjoni Ewropea għandha tara li jkun hemm indikaturi statistiċi aktar adattati biex jagħtu stampa statistika ċara tal-livell ta’ żvilupp tar-reġjuni gżejjer.
X` qal il-Kumissarju Ewropew Johannes Hahn F` Malta?
Il-Kumissarju Hahn qal li Malta m’għadhiex meqjusa bħala reġjun inqas żviluppat iżda bħala reġjun ta’ transizzjoni fi triqtha biex tilħaq pajjiżi u reġjuni żviluppati. Dan se jfisser li se jkun hemm tnaqqis fl-allokazzjoni ta’ Malta fil-Budget li jmiss tal-UE jigifieri dak bejn l-2014 u l-2020. Fl-ebda ħin iżda ma` l-Kummissarju Ewropew għamel xi referenza dwar din id-Dikjarazzjoni jew qal li l-Gvern Malti talab lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel dan l-istudju.
X` sinjifikat ingħatat din id-dikjarazzjoni fis-snin li għaddew?
Fix-xhur ta` qabel u wara is-sħubija ta` Malta fl-Unjoni Ewropea, kien intqal li Malta se titlob li l-Kummissjoni tagħti rapport lill-Kunsill dwar l-istatus ekonomiku u soċjali ta’ Għawdex u, b’mod partikolari, dwar id-disparitajiet fil-livelli ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Malta u Ghawdex bil-għan li Għawdex jintegra fis-suq intern Ewropew.
F` diskors li għamel fl-20 ta` Frar 2003, l-ET Dr. Eddie Fenech Adami, dakinhar Prim Ministru fisser din id-Dikjarazzjoni bħala waħda li se tagħti l-imbuttatura meħtieġa biex il-ħtiġijiet t’Għawdex ikomplu jiġu mħarsa anki jekk u meta Malta tavvanza ekonomikament tant li ma tibqax eleġibbli għall-ogħla livell ta’ fondi.
Wieħed jista jirreferi ukoll għal artiklu li nkiteb fil-pubblikazzjoni “L-Aġġornat” fi Frar 2003 mill-Kap tal-MIC f’Malta Simon Busuttil, illum Membru Parlamentari Ewropew, li fih ingħad li bid-dikjarazzjoni Numru 36, jekk minn din l-analiżi jirriżulta li, l-livell ta’ żvilupp ta’ Għawdex ikun għadu lura minn dak ta’ Malta, il-Kummissjoni tieħu dawk il-miżuri meħtieġa biex tgħin lil Għawdex jilħaq il-livell ta’ żvilupp meħtieġ.
Il-Manifest tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009 isemmi ukoll b` mod ċar din id-dikjarazzjoni u f` punt minnhom jgħid hekk “se ninsistu biex, kif hemm imniżżel fid-Dikjarazzjoni dwar Għawdex annessa mat-Trattat ta’ Sħubija, minn qabel il-programm il-ġdid ta’ fondi mill-2014 ‘il quddiem, isir studju dwar il-ħtiġijiet speċjali ta’ Għawdex biex Għawdex jegħleb l-insularita’ doppja u tibqa’ tgawdi minn sehem xieraq ta’ fondi mill-UE.
Studju li qatt ma sar
Iżda l-Gvern Malti sal-llum, jiġifieri sebgħa snin wara is-sħubija ta` Malta m`għamel l-ebda talba lill-Kummissjoni Ewropea biex teżaminha l-qagħda ekonomika u soċjali ta’ Għawdex. Tant u hekk li l-Kummissarju Hahn fl-ebda ħin ma tkellem jew b`xi mod wera li hu infurmat li l-Gvern talab dan. Il-Membru Parlamentari Ewropew Simon Busuttil fit-Times kien qal li r-rapport dwar Għawdex kellu jsir fl-2006 qabel il-budget għas-snin 2007-2013 u li t-tieni rapport kellu jsir qabel il-budget 2014-2020. Dan ir-rapport la sar fl-2006 u wisq inqas sar sal-llum il-ġurnata.
Fis-seduta parlamentari 338 l-Onorevoli Giovanna Debono qalet li ladarba l-proposti dwar il-perspettivi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea post-2013 ikunu ppubblikati, wieħed ikun jista’ jikkonferma jekk pajjizna hux se jibqa fi ħdan il-għan tal-konverġenza għall-perjodu post-2013. Jekk dan ma jkunx il-każ il-gvern se jagħmel talba biex isir studju dwar il-bżonnijiet speċifiċi ta’ Għawdex, qabel il-bidu tan-negozjati rigward il-perspettivi finanzjarji tal-Unjoni. Il-konferma issa wasslet u l-Ministru s` issa ma qalet xejn.
Suggett ta` interpretazzjoni?
L-eks rapprezentant tal-Parlament Ewropew f’Malta, Saviour Grech, f’artiklu li kiteb fir-rivista Għawdxija ‘Lumen Christi’ fakkar f’dak li kien intqal meta kienet negozjata d-dikjarazzjoni. Hu staqsa għaliex il-Gvern qatt ma għamel it-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea. Jistaqsi ukoll għaliex il-Gvern għazel li jibdel l-interpretazzjoni tiegħu fil-konfront ta’ Għawdex. Jgħid li dak li qed jagħmel il-Gvern illum jikkontrasta bil-kbir ma’ dak li kien intqal qabel is-sħubija. Saviour Grech jgħid li l-Gvern Malti kien fid-dmir li jwettaq dak li minn rajh kien intrabat li jwettaq, jiġifieri li jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tħejji rapport dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali t’Għawdex.
Kemm Joseph Muscat, dakinhar Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista u kemm Edward Scicluna, staqsew lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħid jekk il-Gvern Malti ghamilx talba bħal din qabel id-dħul fis-seħħ tal-budget Ewropew.
It-twegiba tal-Kummissjoni Ewropea
Danuta Hubner, dakinhar Il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, wieġbet li ma` irċeviet l-ebda talba mill-Gvern Malti. Sostniet li d-dikjarazzjoni dwar Għawdex hija unilaterali, jiġifieri tiddependi biss mill-Gvern Malti u ma torbotx lill-Kummissjoni Ewropea. Qalet ukoll li jekk il-Gvern Malti jintroduċi talba ta’ din ix-xorta, l-analiżi ta’ disparitajiet ekonomiċi u soċjali ta’ Għawdex għandhom isiru fir-rigward ta’ l-Unjoni Ewropea kollha u mhux f’ ambitu purament nazzjonali. Jigifieri mhux f`ambitu tad-disparitajiet fil-livelli ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Malta u Ghawdex.
Il-MPE Edward Scicluna inghata l-istess twegibha. Il-kliem li użat il-Kummissjoni Ewropea jġib miegħu ħafna iktar mistoqsijiet milli tweġibiet fis-sens li din id-dikjarazzjoni f`għajnejn il-Kummissjoni Ewropea ma tfissirx ħafna, li m`ghandha ebda valur legali u ma torbot lill-ħadd għajr lill-Gvern Malti li għamilha.
Arndís Kristjánsdóttir, fl-istudju tieghu “Small Island Differentiation In EU Law” qal hekk
“The Commission’s reply clearly indicates that a unilateral declaration is not legally binding and hence not a source for special EU island status. Thus, despite Malta’s request and contrary to the Outermost Regions and the Åland Islands, Gozo, a small, vulnerable island territory of a Member State, is not provided with any atypical protection or differentiation mechanisms”.
Reazzjoni tal-Gvern Malti
Waqt iż-żjara tal-Kumissarju Hahn la l-Prim Ministru Lawrence Gonzi u lanqas il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech ma rreaġixxew dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Ewropew li Malta mhux se tikkwalifika għal fondi taħt Objective 1. Fil-ġimgħat li għaddew il-Ministru kien diġa qal li dan it-tnaqqis se jsir mhux għax aħna bħala pajjiż imxejna ‘il quddiem imma għax fl-2007 daħlu fl-Unjoni Ewropea l-Bulgarija u r-Rumanija li l-livell tagħhom tant hu baxx li naqqas il-medja, b’tali mod li aħna spiċċajna ‘il fuq mill-medja Ewropea. Il-Ministru Fenech kien fisser dan fit-Times bhala “a statistical imbalance” u qal ukoll li l-Gvern Malti kien se jressaq dan il-każ quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Lanqas dan ma ntqal quddiem il-Kummissarju Ewropew.
Konkluzjonijiet
Wieħed kien jistenna li pajjiżna talab li dan l-istudju isir iktar kmieni din is-sena. Malta falliet milli tagħmel dan fl-2006 u jidher li se titlef ukoll iċ-ċans waqt in-negozjati li diġa bdew gha-snin 2014-2020. Jekk nitilfu dan iċ-ċans, allura pajjżna speċjalment Għawdex se jbati konsegwenzi ħorox. Dan għax id-Dikjarazzjoni tgħid li l-istudju isir biss meta Malta ma` tibqax tgawdi minn objective 1 status. U allura fil-budget ta` wara, jiġifieri dak tal-2020, Malta se tkun diġa tilfet l-istatus ta` objective 1 fl-2013.Ghaldaqstant ma jkun hemm ebda bidla fl-istatus ta` Malta fl-2020 biex jagħti ċans lil-Gvern Malti jitlob lill-Kummissjoni Ewropea dan l-istudju. Nistaqsi għaliex ladarba nafu li hemm cans kbir li Malta ma tibqax tgawdi minn objective 1 status u għad hemm differenzi fil-livell taż-żvilupp bejn Malta u Għawdex, il-Gvern Malti kellu dritt jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tipproponi l-mizuri xierqa u meħtieġa biex tiżgura li jkomplu jonqsu d-differenzi fl-iżvilupp bejn Għawdex u Malta.
L-istudju li għandu jsir huwa vitali għal-Għawdex. L-Għawdxin għandhom diffikultajiet kbar biex jippenetraw swieq Ewropej u internazzjonali u r-riżorsi kemm umani kif ukoll materjali jagħmluha ħafna diffiċli mhux biss għall-Għawdxin iżda wkoll għal min irid jattira investiment barrani f’din il-Gżira. Il-Gvern ma talabx li jsir studju dwar Ghawdex fl-2006. B` rizultat ta` dan Ghawdex baqa sejjer lura. Minflok m`Għawdex sar parti u integra ruħu f’suq wieħed tal-UE, iktar safa’ imbiegħed u maqtugħ minnu.
Nistaqsi ukoll jekk sarx xi studju partikolari dwar Għawdex fil-kuntest tar-rapport Musotto li jgħid li l-UE għandha tkejjel l-impatt fuq il-gżejjer u tindirizza dan l-impatt u dan biex dawn il-gżejjer jingħataw kull opportunita ġusta biex jintegraw bis-sħiħ fis-suq Ewropew u fl-Istrateġija ta’ Liżbona. Jekk dan l-istudju sar, għaliex m`għandux jgħaddi għand il-Kummissjoni Ewropea qabel jigi ffinalizzat il-budget ghas-snin 2014-2020?
L-Għawdxin għandhom id-dritt li jingħataw spjegazzjoni ċara.
Aaron Farrugia
Chairman tal-Fondazzjoni IDEAT
www.aaronfarrugia.com
Tweet









Aaron prosit for an excellent website
I liked this article as its factual and topical. We need to put our efforts to convince EU that Gozo is suffering badly and needs to be considered as a region in order to qualify for better aid