JOIN OUR
MAILING LIST




Continue to website >>

  • L-Ewropa Tieghek – Aaron Farrugia – It-Torca – 27 ta` Novembru 2011

    Posted Nov 27th, 2011 By in With | No Comments eurozone2

    Ewropa maqsuma fi tlieta

    minn aaron farrugia

    Tul l-aħħar xhur l-aħbarijiet mill-Unjoni Ewropea u miż-Żona Ewro komplew jiddominaw ix-xena internazzjonali. Bi sfida wara l-oħra, il-mexxejja tas-27 pajjiż membru tal-UE, iżda b’mod partikolari dawk li jinsabu fiż-Żona Ewro, mhux biss qed ikollhom jagħmlu għażliet importanti u diffiċli għal pajjiżhom iżda wkoll għall-pajjiżi oħra ġirien taghħom. Dan f’ċirkostanzi straordinarji fejn l-ekonomija ta’dawn tal-aħħar spiċċat f’ xifer l-irdum.

    Kellha tkun l-azzjoni kollettiva tal-pajjiżi membri  li setgħet tagħti tama liċ-ċittadini, lill-ħaddiema, liż-żgħażagħ u lill-familji.
    L-Ewropa tinsab maqsuma fi tliet biċċiet. Issib pajjiżi li qed jimxu ‘l quddiem u għadhom sal-lum il-ġurnata jirrispettaw il-kriterji ta’ Maastricht, oħrajn li kellhom jingħataw għajnuniet kbar fosthom l-Irlanda, il-Portugall u l-Greċja u oħrajn, bħal Spanja u l-Italja, li jekk mhumiex se jieħdu miżuri u deċiżjonijiet ibsin b’mod immedjat kapaċi jingħaqdu ma’ ta’ qabilhom.
    Għalkemm deħlin fir-raba’ sena ta’ din il-kriżi finanzjarja internazzjonali, ma jidhirx li se tgħaddi kif ġieb u laħaq.

    Is-sens ta’ ottimiżmu li dejjem kien parti mill-kumpass morali tal-pajjiżi Ewropej, f’kull sfida li kellhom u f’kull bidla li għamlu, jidher li qed jitnaqqar. Għax tajjeb niftakru li din ma kinitx l-unika sfida li l-Ewropa kellha fl-istorja tagħha. L-istorja turina li l-integrazzjoni tal-pajjiżi Ewropej issaħħet ma’ kull sfida u ma’ kull kriżi li għaddiet minnha. Biżżejjed wieħed isemmi d-diffikultajiet ekonomiċi fis-sebgħinijiet jew id-diżastru li ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinjija li fuqha twieldet dik li kienet tissejjaħ il-komunità Ewropea.

    Il-proġetti kbar li saru u l-miri li lħaqna bħala Ewropej, il-festeġġjamenti li rajna meta ddaħħlet il-munita ewro qegħdin jintesew. L-istess ewro qiegħda thedded l-istruttura kollha li fuqha nbniet l-Unjoni Ewropea.

    Minn din il-kriżi rridu nartikolaw l-Unjoni Ewropea li rridu. Mhux għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin imma oltre minn hekk.
    Nemmen li l-għażliet quddiemna huma ċari.
    Fi żminijiet ta’ kriżi bħal dawn, l-għażla tagħna għandha tkun li nkomplu nsaħħu u mhux li nżarmaw dan il-proġett li jgħaqqadna flimkien bħala pajjiżi Ewropej. Irridu iktar ħidma komuni u mhux pajjiżi li jaħdmu għal rashom. Hemm bżonn aktar integrazzjoni Ewropea u mhux tnaqqir mill-poteri li għaddejna lill-istituzzjonijiet Ewropej. Nemmen li l-Unjoni Ewropea tista’ toħroġ minn din il-kriżi maqgħuda u iktar b’saħħitha minn qatt qabel. Jekk dan it-twemmin jitpoġġa bħala qafas għall-pjan fit-tul, allura l-governanza ekonomika għandha titpoġġa fuq quddiem nett fil-bidliet li jridu jseħħu fosthom it-tkabbir ekonomiku, regolamenti iżjed ċari u b’saħħithom għaż-Żona Ewro kif ukoll iktar għodda għall-istituzzjonijiet Ewropej.

    Kelliema mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll id-Direttriċi tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Christina Lagarde kemm il-darba saħqu li biex il-pajjiżi li jinsabu fi-Żona Ewro joħorgu mil-kriżi m’huwiex biżżejjed li pajjiżi bħall-Greċja jingħataw miljuni kbar ta’ ewro biex l-ekonomija u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom ma’ jikrollawx.
    Lanqas ma nistgħu noħorġu minn din il-kriżi sempliċiment b’ miżuri ta’ awsterità. Iċ-ċavetta tinsab fit-tkabbir ekonomiku.  Dan biss jista’ jerġa’ jġib stabbilità. U allura filwaqt li fiż-żmien qasir il-pajjiżi Ewropej għandhom jibqgħu juru solidarjetà ma’ pajjiżi li jinsabu f xifer l-irdum, irridu nibdew naħdmu fit-tfassil ta’ miżuri u pjan konkret u ambizzjuz fit-tul għal tkabbir ekonomiku.

    Esperti fil-qasam jisħqu li iktar effiċjenza u inqas burokrazija fis-suq komuni Ewropew, flimkien mas-sostenn finanzjarju adekwat lill-kumpaniji ġodda jistgħu jerggħu jpoġġu lill-Unjoni Ewropea fil-quċċata speċjalment f’setturi relattivament ġodda bħas-suq diġitali.
    L-istess esperti jgħidu li fis-snin li ġejjin huwa proprju dan is-settur li se jkun qiegħed jiddomina x-xenarju finanzjarju globali filwaqt li jisħqu li kontinenti oħra, fosthom l-Amerika, diġa’ qegħdin jaħdmu qatigħ biex jieħdu l-vantaġġ.

    Sfida oħra quddiemna bħala Ewropej hi li jekk ma rridux ngħaddu minn dak li għaddejna minnu fl-aħħar erba’ snin, allura għandu jkun hemm regolamenti ċari u b’ saħħithom f’dik li hi ż-Żona Ewro.
    Jidher ċar li l-munita komuni tagħna, l-ewro ma kinitx b’saħħitha biżżejjed f’ mumenti ta’ kriżi.
    Li nikkritika r-regolamenti eżistenti li wassluna hawn ma jfissirx li ma nemminx fiż-Żona Ewro. Anzi bil-kontra. Proprju għax nemmen f’Żona Ewro iktar b saħħitha nisħaq li r-regolamenti għandhom jiżdiedu biex ebda pajjiż ma’ jerġa’ jkun mażżra ma’ għonq l-ekonomiji tagħna.
    Regolamenti ċari u b’saħħithom dwar self żejjed minn pajjiżi taż-Żona Ewro għandhom jixgħelu bozza ħamra. M’għandniex nibqgħu ċassi quddiem sitwazzjoni fejn is-swieq finanzjarji jkomplu jisilfu l-flus lill-pajjiż li kien ilu jilgħab bil-figuri biex jissieħeb fiż-Żona Ewro. Regolamenti ċari u b’saħħithom biss jistgħu jwasslu biex iċ-ċittadini u l-familji Ewropej jerġgħu jibdew jemmnu fil-proġett Ewropew u jafdaw lill-istituzzjonijiet internazzjonali.

    L-għaqal hekk jitlob. It-tielet sfida hi waħda istituzzjonali. Illum il-ġurnata diġà qed naraw pajjiżi bħal Polonja u r-Repubblika Ceka li qed jaħdmu biex jidħlu fiż-Żona Ewro. Hemm bżonn istituzzjonijiet li huma preparati u lesti jilqgħu t-tkabbir taż-Żona Ewro wara li tgħaddi l-kriżi. Nafu li kull pajjiż huwa obbligat li jingħaqad maż-Żona Ewro ladarba dan jilħaq il-kriterji imposti. L-uniċi żewġ pajjiżi li għandhom għażla jissiħbux jew le huma d-Danimarka u l-Ingilterra.
    Għandek ukoll lill-Iżvezja li għalkemm l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż tirrispetta il-kriterji mposti dawn sal-lum għażlu li jibqgħu barra. Bla dubju ta’ xejn it-tkabbir fiż-żona ewro ma jistax isir bl-istruttura preżenti. Għaldaqstant nemmen li għandu jkun hemm istituzzjoni separata biex it-tkabbir isir mingħajr ma joħloq instabbilità.

    Min se jmexxi l-PSE?

    Wara li Poul Nyrup Rasmussen ħabbar li se jkun qiegħed jirreżenja minn President tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, inbeda l-proċess biex fil-ġimgħat li ġejjin jkun elett President ġdid. Rasmussen serva b’mod eżemplari kemm bħala Prim Ministru tad-Danimarka u anke wara bħala President tas-Soċjalisti Ewropej. F’kuntest fejn il-partiti Soċjali Demokratiċi madwar l-Ewropa għaddew minn diffikultajiet kbar, Rasmussen kien forza progressiva fejn irnexxielu jagħti identità u direzzjoni lill-PSE.
    Fost l-ismijiet li qed jissemmew għall-Presidenza hemm Alfred Gusenbauer, li serva bħala Kanċillier tal-Awstrija, Frank-Walter Steinmeier li serva bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin fl-ewwel Gvern ta’ Angela Merkel, Mona Sahlin li serviet bħala Mexxej tal-Partit tas-Soċjal Demokratiċi Żvediż u Ministru għal Gvern Lokali, kif ukoll David Miliband li serva bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin, fil-Gvern Ingliż immexxi minn Gordon Brown.
    Fl-aħħar jiem dan is-suġġett kien diskuss ħafna bejn dawk li attendew il-Konvenzjoni tal-PSE ġewwa Brussell. Intant, bħala President interim kien appuntat il-Mexxej tal-Partit Soċjal Demokratiku Bulgaru Sergei Stanishev li s-sena l-ohra indirizza l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista Malti.

    • delicious
    • digg
    • reddit

Leave a Reply


No comments yet. Be the first!