JOIN OUR
MAILING LIST




Continue to website >>

  • Aaron Farrugia jfiehem kif Malta trid tohrog 10% aktar ghal progetti tal-UE

    Posted Dec 5th, 2011 By in With | No Comments commission

    Malta trid toħroġ 10% aktar għal proġetti tal-UE

    minn aleander balzan

    Jekk Malta titlef l-istat ta’ ‘Objective 1’ għall-iskop ta’ finanzjament mill-Unjoni Ewropea – kif jidher li se jiġri – mhux biss tibda tirċievi ħafna inqas fondi, iżda f’dawk il-proġetti ffinanzjati bis-sħab mal-UE l-parti li joħroġ pajjiżna trid tiżdied b’10%.
    Din l-10% tfisser miljuni kbar ta’ ewro u f’mument fejn pajjiżna, bħall-kumplament tal-pajjiżi ewropej, se jkun qiegħed ifittex li jnaqqas id-defiċit din se tkun sfida kbira għall-gvern ta’ wara sena 2014.

    Filwaqt li xejn sa issa m’hemm xejn uffiċjali jidher li l-gvern Malti għandu qalbu maqtugħa li jżomm l-istat tal-’Objective 1’. Indikazzjoni ċara hija l-mod kif baqa’ ċass quddiem il-kumment tal-Kumissarju Ewropew Johanes Hahn. F’pajjiżna, Hahn qal li Malta m’għadhiex meqjusa bħala reġjun inqas żviluppat iżda bħala reġjun ta’ transizzjoni fi triqtha biex tilħaq pajjiżi u reġjuni żviluppati. Dan se jfisser li se jkun hemm tnaqqis fl-allokazzjoni ta’ Malta tal-UE li jmiss, jiġifieri dak bejn l-2014 u l-2020.  Malta tejbet il-pożizzjoni tagħha għax daħlu żewġ pajjiżi li għandhom qagħda ferm agħar minn tagħna; ir-Rumanija u l-Bulgarija.  Dawn wasslu biex inħoloq ‘statistical imbalance.’

    Aaron Farrugia, il-korrispondent tat-TORĊA dwar l-UE , jispjega kif li Malta se jkollha toħroġ sehem ikbar jirriżulta minn komunikazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fid-29 ta’ Ġunju li għadda. “Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat komunikazzjoni dwar dak li jissejjaħ il-‘Multiannual Financial Framework (MFF)’ għas-snin 2014 sal-2020. L-għan hu li jkun hemm qafas u dixxiplina fiskali permezz ta’ limiti ta’ nfieq (ceilings) ta’ kif, fiex u meta se jintefaq il-baġit tal-Unjoni Ewropea tul il-perjodu ta’ seba’ snin.

    “Mhumiex biss l-istituzzjonijiet Ewropej li bħalissa jkunu għaddejjin b’negozjati ma’ xulxin biex iġibu l-aħjar ftehim għalihom u għall-interessi tagħhom iżda wkoll numru ta’ reġjuni, pajjiżi u organizzazzjonijiet li jkunu qed jagħmlu l-kalkoli tagħhom biex jaraw x’impatt se jkollu fuqhom dan l-MFF,” spjega Farrugia.

    “Fejn jidħlu fondi strutturali, bħala pajjiż li jinsab fi tranżizzjoni (minn Objective 1 għal Objective 2), Malta se tkun qiegħda tieħu rata ta’ ko- finanzjament iktar baxxa minn dik li kellha sa issa. Sal-lum għal dawn il-proġetti l-Unjoni Ewropea kienet toħroġ 85% u Malta 15 %. Issa qiegħed ikun propost li l-UE toħroġ 75% u Malta 25%,” qal Farrugia li żied jispjega li għall-fondi ta’ koeżjoni sehem l-UE se jibqa’ dak ta’ 85%.

    Aaron Farrugia jwissi kif taħt is-sistemi l-ġodda l-gvernijiet ma jistgħux jibqgħu jtawlu l-proġetti u jserrħu fuq il-fatt li l-flus joħduhom xorta fis-snin ta’ wara.

    “Irrimarkajt iktar minn darba li fil-qagħda ekonomika preżenti jaqbillek tagħmel użu mmedjat mill-fondi biex tiġġenera l-ekonomija. Iżda, issa se jkun hemm fatturi oħra li se jkunu qegħdin jippenalizzaw lil min ma jużax il-fondi fil-ħin stipulat. Se jinbidel dak magħruf bħala ‘automatic decommitment principle.’ Dan ifisser li se jkun hemm żmien stipulat sa meta jridu jintużaw il-fondi u pajjiż li jaqa’ lura se jmur minn taħt,” żied Farrugia, li fisser ukoll li din se tkun sfida oħra għall-gvern ta’ wara l-2014.

    “Fil-kuntest li fiż-żmien li ġej pajjiżna se jkun qiegħed jipprova jnaqqas id-defiċit tiegħu, dawn il-bidliet se jżidu mal-pressjoni li diġà għandu l-Gvern Malti. Mhux biss se jonqsu il-fondi Ewropej iżda se jonqos ukoll il-ko- finanzjament li nirċievu mill-UE u għalhekk il-Gvern ikollu joħroġ iktar flus,” temm jgħid Farrugia.

    Bejn l-2007 u l-2009 pajjiżna uża biss 50% tal-fondi allokati lilu. Jirriżulta li fejn jidħlu fondi strutturali l-gvern għamel dan biex ma jkollux għalfejn joħroġ is-sehem tiegħu u b’hekk jersaq iktar lejn il-miri tiegħu fejn jidħol id-defiċit, anke jekk ma rnexxielux jilħaqhom.

    • delicious
    • digg
    • reddit

Leave a Reply


No comments yet. Be the first!