Il-forzi konservattivi dejjem ikkunsidraw lill-Għawdex bħala mażra mal-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku ta` pajjiżna minflok iċ-ċavetta li biha l-ekonomija Maltija tista tibbenefika biex f`qasir żmien tkun fost l-aqwa pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Huwa f`dan il-kuntest li l-bieraħ u llum qed jiltaqa` l-ewwel kungress reġjonali tal-Partit Laburista ġewwa Għawdex hekk kif ġie deċiz fil-Konferenza Ġenerali Annwali ta` sentejn ilu. Kungress li għandu jservi ta` pjattaforma għal-politika progressiva tal-Partit Laburista f`dan ir-reġjun u ta` l-aqwa talenti Għawdxin li se jkunu qed jirrapreżentawh fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
L-għazla quddiemna hi cara. Filwaqt li l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Moody’s naqset ir-rating ta’ Malta b’livell wieħed minn A1 għal A2, sitt pajjiżi fiż-żona Ewro żammew ir-rata tagħhom ta` AAA. Huwa f dan il-kuntest li llum il-ġurnata nitkellmu dwar bżonn ta` strateġija u viżjoni fit-tul biex f`qasir żmien inkunu fost dawn il-pajjiżi. Bil-maltemp kollu li kellhom madwarhom, dawn is-sitt pajjiżi, jiġifieri l-Awstrija, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Olanda żammew l-għola rata li pajjiż jista jkollu għax ħadu l-aħjar deċiżjonijiet, investew fin-nies tagħhom u kienu preparati għal-maltembata, biex nuża il-kliem li jħobb jiddeletta bih il-Prim Ministru.
L-isifidi li għandu Għawdex nafuhom u nisimawhom f kull diskors li jsir relatat mal-gżira; l-insularita doppja, popolazzjoni zgħira izda densa u nuqqas ta` riżorsi naturali fost oħrajn. Iżda iktar minn hekk, mingħajr direzzjoni u viżjoni ċara ta` fejn irridu nasslu, l-investitur lokali m`għandux bażi fuq jekk jinvestix f settur minflok f ieħor, jew jekk l-investitur barrani jinvestix f Malta minflok f Ċipru jew lill`hinn. L-istudent Għawdxi m` għandux bażi li sservi ta` gwida għal-liema suġġetti se jimrah fihom u liema karriera se timmassimizza l-potenzjal u l-abilitajiet tiegħu jekk irid jibqa jgħix f`art twelidu.
B` team ħabrieki li għandu l-aħjar prijoritajiet għal Għawdex, pajjiżna jkollu mutur ieħor biex iwassalna fil-quċċata tal-Unjoni Ewropea. Viżjoni li tabraċċja l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropeja “Ewropa 2020” li tgħid li l-koezjoni territorjali soċjali u ekonomika jibqgħu fuq quddiem nett tal-prijoritiajiet tal-Unjoni Ewropea biex gżejjer bħal Għawdex igawdu huma ukoll minn tkabbir sostenibbli u inklussiv. Biex dan il-għan jintlaħaq hemm bżonn ta` Gvern ambizzjuz li jagħti stabilita u direzzjoni ċara` ta` fejn se mmorru. Iktar minn hekk hemm bżonn ta` bidla fil-mentalita li nemmen li hi l-ikbar sfida quddiemna u il-bżonn li l-Għawdxin jagħrfu id-drittijiet iżda ukoll ir-responsabilitajiet tagħhom lill hinn min-nepotiżmu u l-burokrazija.
Huwa propju f`din il-perspettiva li f`dan il-Kungress flimkien ma sħabi l-Għawdxin, lill hinn mir-retorika tal-politiċi, irrid inkompli niddiskuti u ngħarbel proposti ċari u konkreti li għandhom iħallu ir-riżultati mixtieqa fosthom tkabbir ekonomiku ġewwa l-Gzira Għawdxija, żieda fl-impjiegi produttivi u soluzzjonijiet li jimmitigaw il-brain drain taż-żgħażagħ ħabrieka Għawdxin. Mhux billi nċaħħduhom mid-dritt tagħhom li jaħdmu f Malta jew barra iżda b`inċentivi li jħajruhom jibqgħu ġewwa Għawdex. Miżuri kif il-fondi Ewropej għandhom jiġu indirizzati minn amministrazzjoni ġdida biex wara li jkun hemm roadmap ċara għal Għawdex, tibda ħidma biex l-Għawdxin jingħataw taħrig estensiv fis-setturi li l-Gvern Malti flimkien mal-privat se jkun qed jinvesti fihom. Dan isir biex jonqos drastikament l-iskills missmatch li għandhom numru kbir ta` ħaddiema f`dan ir-reġjun bil-għan li jingħata nifs ġdid lill-industrija lokali.
Inħarsu ukoll lejn is-settur turistiku. L-istatistika turi li dan is-settur huwa vitali għal Ghawdex, ħafna iktar milli hu għal Malta. Il-gżira Għawdxija tgawdi minn żoni rurali li jiddistingwuha minn Malta. Għandha rikkezzi ambjentali u ġojjelli arkeoloġiċi li jagħmluha unika. Huwa għalekk li irid ikun hemm inizjattivi li jgħinu lill-mijiet ta` familji li għandhom propjeta f`forma ta` appartamenti, farmhouses u guesthouses li jintużaw għal kiri bil-għan li jiġi offrut prodott aħjar. Investiment u ħidma f`niċeċ speċifiċi li b`dispjaċir mhumiex jiġu promossi biżżejjed. Ħidma fis-settur tal-cruise liners filwaqt li nistaqsu x` valur miżjud qiegħed jingħata l-Malti li jiddeċiedi li jmur għal btajjel tiegħu ġewwa Għawdex minflok vaganza barra minn xtutna. Dan fid-dawl li it-turiżmu domestiku huwa wieħed mis-setturi li jħalli effett pożittiv fuq l-ekonomija Għawdxija.
Tajjeb ukoll inkomplu nesploraw setturi ġodda bħal l-agrituriżmu, proġetti li filwaqt li jkunu f`sintonija mal-ambjent Għawdxi, jagħtu il-possibilita li din il-gżira tgawdi minn turisti li jżuru il-gżira matul is-sena kollha. Iżda ma jistax jonqos li ma niffukawx fuq Għawdex bħala qasam finanzjarju. Il-Mediterran reġa qiegħed jitwieled mil-ġdid. Wieħed jistenna li fix-xhur li ġejjin il-pajjiżi Afrikani jerġgħu jibdew jinvestu f`numru ta setturi u jidħlu f kummerċ internazzjonali. Pajjiżna għandu pożizzjoni strateġika f nofs il-Mediterran u l-eqreb pajjiż ta` dawn il-pajjiżi tal-Afrika ta` fuq li jinsab fl-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li pajjiżna jista jservi ukoll ta` ċentru finanzjarju internazzjonali. B` investiment għaqli fl-infrastruttura, Għawdex jista jkun il-post ideali fejn dan iċ-ċentru finanzjarju jista jsir iktar u iktar jekk ninvestu fl-aqwa teknoloġija u ICT. F` dan il-kuntest irridu nesploraw kif Għawdex jista jattira lejħ setturi ġodda bħal dak tal-gaming, ir-riċerka u l-Iżvilupp li pajjiżna tant u nieqes minnhom. Irridu naraw kif Għawdex se jattira lejħ niċeċ ġodda ta` impjiegi fis-setturi tat-traduzzjoni, servizzi tal-Gvern anċillari, u servizzi speċjalizzati lill-anzjani lokali u dawk li jiddeciedu li jirtiraw ġewwa Għawdex. Irridu niddiskutu mezzi ġodda ta` aċċessibilita għal din il-gżira fid-dawl tal-proposta ta` mina bejn iż-żewġ gżejjer u mezzi oħra ta` trasport.
Għawdex jixraqlu aħjar. Biex dan isir hemm bżonn il-kontribut ta` kulħadd mhux l-inqas bidla fil-mentalita iżda wkoll bidliet radikali ta` kif dejjem saru l-affarijiet ġewwa l-gżira Għawdxija. Qieghed inhares il-quddiem b`entużjażmu biex dan il-kungress iservi ta pjattaforma biex flimkien inkomplu nfasslu vizjoni progressiva għal Għawdex u għal l-Għawdxin.
Aaron Farrugia
Chairman
Fondazzjoni IDEAT
Aaron.farrugia@partitlaburista.org
Tweet









No comments yet. Be the first!