JOIN OUR
MAILING LIST




Continue to website >>

Articles

  • L-Ewropa tieghek : Kosovo – mill-indipendenza ghal-shubija fl-Unjoni Ewropeja

    Posted Oct 21st, 2011 By in Articles With | No Comments

    L-Ewropa tiegħek

    Kosovo – mill-indipendenza għal-sħubija fl-Unjoni Ewropeja

    Huma ħafna dawk li qed isegwu is-sitwazzjoni u l-iżviluppi fl-Eġittu, t-Tuneżija, is-Sirja, il-Jemen u l-Libja fejn il-poplu ħareġ jiġġieled id-dittatura u l-opressjoni. Il-Maltin għandhom għajnejhom fuq dak li qiegħed jiġri fil-Libja, mhux biss għax il-vjolenza f` dan il-pajjiż tant viċin tagħna stajna narawha u inmissuha b` idejna b`mijjiet ta` Libjani jfittxu kenn ġewwa pajjiżna, iżda ukoll għax ħafna fostna għandhom interessi kummerċjali kbar ġewwa dan il-pajjiż. Ilkoll nixtiequ li d-demokrazija tkun ir-regola f dan ir-reġjun u fil-mument tal-prova, il-Maltin urew is-solidarjeta tagħhom ma dan il-poplu. Għalija dak li qiegħed jiġri ġewwa il-Libja illum il-ġurnata huwa simili ħafna għal dak li ġara F`Kosovo fl-1999 fejn l-intervent militari tan-NATO waqqaf lil Slobodan Milosevic milli jkompli jwettaq ġenoċidju u tindif etniku ġewwa l-Ex Jugoslavia fuq l-Albanizi-Kosovari.

    Pristina

    Stajt nifhem aħjar dak li għaddej minnu il-poplu Libjan meta tkellimt ma` numru ta` uffiċjali u rappreżentanti tal-poplu Kosovar waqt konferenza transatlantika li attendejt għaliha f` Ġunju ġewwa l-Belt kapitali ta` Kosovo, Pristina. Kienet konferenza organizzata mill-Atlantik-Bruecke u l-Ministeru tal-affarijiet barranin Ġermaniż. Għal din il-konferenza attendew madwar ħamsin persuna, ilkoll Membri Parlamentari, politiċi, diplomatiċi u riċerkaturi ta` esperjenza, fosthom jien li ġejt innominat mill-Ambaxxatur Ġermaniż għall-Malta, l-Eċċ. Tiegħu s-Sur Bernd Braun. L-istat ta` Kosovo mhuwiex rikonoxxut mis-Serbja u minn numru ta` pajjiżi oħra fosthom numru ta` pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropeja: Spanja, Slovakia, Rumanija, Ċipru u l-Greċja. Mal-wasla tiegħi stajt nosserva l-istil ta` bini tal-imperu Sovjetiku minn żmien Tito li għadu jikkaratterizza din il-belt.

    Clinton u n-NATO

    Bejn l-1997 u l-1998, eluf kbar ta` Kosovari, itterrorizzati mir-reġim ta` Slobodan Milosevic ħallew kollox warajhom u imxew mili kbar lejn l-Albanija. Oħrajn baqgħu ġewwa Kosovo, jiġġieldu ir-reġim u jitolbu biex in-NATO tintervjeni.  Kien fl-1999 meta n-NATO bdiet bil-bombardamenti tagħha. Ta` dan il-Kosovari għadhom rikonoxxenti sal-lum. Ma kull min titkellem jgħidlek kemm għandhom rispett kbir lejn l-Ex President Amerikan Bill Clinton. Saħansitra wieħed isib l-ikbar triq ġewwa Pristina imsemmijja għaliħ u monument tiegħu fiċ-ċentru tal-belt kapitali. Ta` kuljum waqt il-mixja tiegħi mil-lukanda sal-post tal-konferenza stajt nara kitbiet fuq il-ħitan “Thank you Clinton” u “Thanks Albright”.

    Kosovo u l-Libja – L-istorja tirrepeti ruħha

    Dak li qiegħed jagħmel ir-Reġim ta` Gaddafi ġewwa il-Libja u simili ħafna għal dak li għamel Milosevic. il-Qorti Kriminali Internazzjonali għal Reati tal-Gwerra ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront ta’ Gaddafi, ibnu Saif al Islam u l-Kap tas-Servizzi Sigrieti Libjani Abdullah al Senussi. Fit-tliet każi, il-mandati ta’ arrest huma bbażati fuq allegati reati kontra l-umanita’ fil-konfront ta’ persuni li opponew ir-reġim ta’ Gaddafi, l-istess reati li għalihom kien arrestat Milosevic u li imbad kien għamel suwiċidju waqt li kien taħt kustodja ġewwa The Hague. Filwaqt li Milosevic ried jeqred lill-Albaniżi f`Kosovo, permezz ta` tindif etniku, Gaddafi qal li lest joqtol lill-kull min jopponi ir-reġim tiegħu.

    NATO

    Suldati tan-NATO kienu magħna matul il-ħin kollu u saħansitra kienu huma li ħaduna minn post għall-ieħor. Fl-ewwel jum kellna l-opportunita li ningħataw informazzjoni dwar il-missjoni tan-NATO f`Kosovo mill-General Markus Bentler, Kmandant tal-Forzi Kosovari (KFOR). Qalilna li l-forzi tan-NATO ilhom fil-pajjiż mill-1999 fuq operazzjoni ta` paċi u li mal-medda taż-żmien dawn naqqsu l-ammont ta` suldati biex illum dawn jammontaw għal madwar sitt elef suldat. Huwa mistenni li fis-sena li ġejja dawn joqnsu bin-nofs dejjem jekk il-miri tan-NATO jintlaħqu. Stajt nara rispett reċiproku bejn l-awtoritajiet Kosovari u s-suldati tan-NATO li wassal għal stabbilita, demokrazija u paċi fir-reġjun għajr xi inċidenti li seħħew riċentament ġewwa Mitrovica.

    Tensjoni

    Matul il-miġja tagħna ġewwa Mitovica, stajt nara b għajnejja u nmiss b idejja it-tensjoni li hemm bejn il-Kosovo u s-Serbia, speċjalment f` din il-belt fejn hemm jgħixu Kosovari Serbi fuq naħa u Kosovari Albaniżi fuq naħa oħra. Għajr numru żgħir ta` inċidenti, in-nies ta` din il-belt qed jgħixu viċin xulxin. Madankollu stajt inħoss it-tensjoni bejniethom. Għal kull skola u ħanut Albaniż, ftit metri l-bod issib wieħed Serb. Fuq naħa issib Moskeja u faċċata issib monasteru jew knisja. Wasalna waranofsinhar u is-Suldati tan-NATO talbuna biex ma ninżlux mill-coaches tagħna qabel ma jaraw li mhemmx periklu. Fi bliet u irħula oħra dorna bla problemi ta` xejn iżda din il-belt tirrapreżenta l-gwerra bierda bejn dawn iż-żewġ stati.

    Pjan ekonomiku għal-ħames snin li ġejjin

    Waqt laqgħa li kellna ma` Besim Beqaj, Ministru għall-Ekonomika, dan tkellem b` mod ewforiku dwar it-tkabbir tal-ekonomija f`Kosovo fl-aħħar sena. Tkellem fid-dettal dwar il-pjan ekonomiku tal-Gvern preżenti għas-snin 2011 sa l-2014 intiż biex tikber l-ekonomija bejn sebgħa u tmienja fil-mija permezz ta` riforma kbira fis-settur finanzjarju, titjib fil-politika fiskali u t-tnaqqis ta` burokrazija li ħonqot l-ekonomija fl-aħħar snin. Il-Ministru qalilna li dan it-tkabbir għandu jwassal biex il-qgħad jonqos b` għaxra fil-mija.

    L-infrastruttura fil-pajjiż mhijiex effiċjenti u fadal ħafna xi jsir. Wieħed irid iżomm f`moħħu li dan kien pajjiż li sa ftit tas-snin ilu kien mifni bi gwerra. Qalulna li fix-xhur li ġejjin huwa mistenni li jiġi privatizzat id-distribuzzjoni tad-dawl u il-liberalizzazzjoni ta` numru ta` servizzi. Madankollu esperti ekonomiċi oħra li ltqajt magħhom fl-istess ġimgħa kienu xettiċi dwar l-aspirazzjonijiet u l-għanijiet tal-Gvern u saħqu li l-pjan ekonomiku mhuwiex realistiku. L-istess esperti qalulna li t-tkabbir li kien hemm fl-ekonomija fl-aħħar snin irriżultaw minn infiq pubbliku tal-Gvern u mhux minn żvilupp tas-settur privat.

    Kriminalita organizzata

    L-ikbar problema għall-Kosovo hi l-kriminalita organizzata. Mal-wasla tiegħi f`Kosovo stajt nara żgħażagħ għaddejjin b` karozzi lussuzi. Kont sorpriż għax kont għadni kif qrajt iċ-ċifri tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Meta staqsejt lill-wieħed mis-suldati tan-NATO li kienu qed iwassluni mill-ajruport sal-lukanda, dan qalli li ħafna żgħażagħ kienu qed jagħmlu l-flus mit-traffikar ta` droga u li ħafna minnhom kienu qed jiġu sfruttati permezz tal-kriminalita organizzata. Rapporti ta` min jorbot fuqhom jgħidu li l-Prim Ministru l-ġdid ta` Kosovo, Hashim Thaci u nies oħra vicin tiegħu huma midħla tal-mafja Albaniża. L-awtoritajiet Kosovari jiċħdu dan kollu u jgħidu li dawn huma qlajjiet tas-Serbi.

     

    Qgħad

    Sfida oħra għal-dan il-pajjiż huwa il-qgħad. Dan, illum il-ġurnata jlaħħaq madwar ħamsin fil-mija. Ir-rata ta` qgħad fost iż-żgħażagħ ta` bejn is-sittax u l-erbgħa u għoxrin sena jlaħħaq mal-ħamsa u sebgħin fil-mija.Iż-żgħażagħ, li jirrapreżentaw iktar minn nofs il-popolazzjoni mhumiex jaraw futur f` dan il-pajjiż u jixtiequ jemigraw. Ħafna minnhom diġa għamlu dan il-pass u jidher li dawn qed jispiċċaw jiffinanzjaw lill-kumplament tal-familja tagħhom li baqgħu jgħixu f`Kosovo. Xi ħaġa li laqtitni mhux ftit kien numru kbir ta` djar li l-kostruzzjoni tagħhom donnu li waqaf ħesrem. Meta staqsejt x` kienet ir-raġuni ingħatajt żewġ verżjonijiet. L-ewwel waħda kienet li l-Gvern daħħal taxxa ġdida fuq kull dar u għaldaqstant dawk il-ħafna familji li kienu qed jibnu dar ġdida ħallew din id-dar ġdida fuq il-qoxra biex ma jeħlu ebda taxxi żejda. It-tieni verżjoni kienet li ħafna mill-bini ta` dawn id-djar kien qed jiġi iffinanzjat minn membri tal-familja li jaħdmu barra Kosovo u li l-kriżi finanzjarja internazzjonali waslithom biex iwaqqfu l-pagamenti li kienu jibgħatu kull xahar lill-familja tagħhom.

    Ma kienux ftit dawk il-persuni li qaluli li huma jgħixu fuq il-flus li jibgħatulhom membri tal-familja tagħhom li qed jaħdmu f` pajjiż ieħor. Ħafna miż-żgħażagħ li kellimt qaluli li ma jħossuhomx Ewropej għax m`għandhomx l-istess opportunitajiet. Kuntrarju għal dak li qalulna l-uffiċjali u r-rappreżentanti tal-Gvern, ħafna qalulna li mhumiex sodisfatti bis-sistema edukattiva u li n-nepotiżmu huwa in-norma u mhux l-eċċezzjoni. Meta staqsejn lid-deputat Prim Ministru dwar ir-rata ta` qgħad ġewwa pajjiżu, speċjalment fost iż-żgħażagħ, huwa qalilna li dan hu kollu kaġun tas-sitwazzjoni internazzjonali u minħabba l-fatt li għal pajjiżu mhuwiex faċċli li jkollu ftehim bilaterali ma pajjiżi oħra minħabba li mhumiex membri fl-ILO. Qal ukoll li l-fatt li pajjiżu mhuwiex rikonoxxut bħala stat indipendenti minn numru kbir ta` pajjiżi ikompli jagħmilha diffiċli biex il-Gvern jippjana fit-tul.

    Unjoni Ewropeja

    Il-gvern preżenti qiegħed jipreżenta s-sħubija ta` Kosovo fl-Unjoni Ewropeja bħala ħolma. Jidher ukoll li ż-żgħażagħ qed iħarsu lejn sħubija bħala mod ta` kif jinqatgħu mill-passat u jibdew ħajja ġdida. Nifimhom. Madankollu meta tkellimna  mar-rapreżentant tal-Unjoni Ewropeja ġewwa Kosovo, Pieter Feith, dan qalilna li l-ostakli ekonomiċi u politiċi mhumiex żgħar. Is-Serbia ukoll qegħda titlob għal-sħubija fl-Unjoni Ewropeja. Numru ta` politiċi qed jitolbu biex qabel is-Serbja tiġi aċċettata, din għandha tirrikonoxxi l-istat ta` Kosovo. Min-naħa tagħha is-Serbja tgħid li sal-lum il-ġurnata hemm ħames pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropeja li ma jirrikonoxxux lill-Kosovo u dawn qatt ma intalbu jagħmlu dan. Fil-verita, fis-sena 2010, il-Parlament Ewropew talab li dawn il-pajjiżi biex jirrikonoxxu lill-kosovo. Sal-lum il-ġurnata, il-Kummissjoni Ewropeja temmen li Kosovo għandha potenzjal tajjeb ħafna li tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja u il-Presidenza Pollakka preżenti tal-Kunsill Ewropew qed tħares lejn integrazzjoni ikbar għal dawn il-pajjiżi tal-Balkani jekk dawn jikkonformaw rwieħhom fis-setturi tal-ekonomija, ġustizzja u governanza, suq intern, innovazzjoni u infrastruttura.

    Futur

    Fost il-ħafna uffiċjali li ltqajt magħhom, persuna waħda affaxxinatni għal mod kif tħares lejn il-futur ta` Kosovo. L-Ambaxxattur Germaniz Wolfgang Ischinger spjegalna il-viżjoni tiegħu għal dan il-pajjiż waqt ikla ġewwa wieħed mill-istabbilimenti ta` l-ikel ġewwa iċ-ċentru ta` Pristina. Kien qiegħed ġewwa Pristina minħabba li l-għada kien se jingħata Dottorat Honoris Causa mill-Universita ta` Pristina bħala rikonoxximent għal dak li għamel għal Kosovo u għall-appoġġ kontinwu tiegħu biex Kosovo tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja. Qalilna li l-awtoritajiet Kosovari għandhom jaffrontaw u mhux jinsew il-passat bħala iċ-ċavetta li għandha twassal għal rikonċiljazzjoni mal-istati tal-Eks Jugoslavia. Jemmen li l-Unjoni Ewropeja għandha isservi ta` pjattaforma biex dan iseħħ u kien għalekk li jappoġġja bis-sħiħ is-sħubija ta` Kosovo. Saħaq li qabel isir dan, irid ikun hemm rikonċiljazzjoni.

    Tlaqt minn Kosovo b` ħafna iktar informazzjoni dwar dan l-istat u l-prospetti tiegħu iżda ukoll b`ħafna iktar mistoqsijiet milli kelli qabel. Qabel tlaqt ġie f` idi ġurnal li kien fih kwotazzjoni ta` Margaret Thatcher fl-2002 “Il-kampanja militari ġewwa l-Kosovo kienet korretta u neċessarja. Nemmen li Tony Blair, persuna li mhux l-ewwel darba li kritikajt, f` dan il-każ uriena li għandu id-determinazzjoni u l-kuraġġ ta` tmexxija f mumenti diffiċli bħal dawn”. Lura Malta erġajt qrajt kapitlu mill-bijografija ta` Tony Blair “A journey” fejn jiddedika kapitlu sħiħ fuq Kosovo. Il-ktieb kont qrajtu xhur qabel iżda wara esperjenza ta ġimgħa ġewwa Kosovo, stajt nifhem aħjar iċ-ċirkostanzi u l-isfidi li fihom ħa` deċiżjonijiet storiċi flimkien mal-ekx President Amerikan Bill Clinton.

    • delicious
    • digg
    • reddit

Leave a Reply


No comments yet. Be the first!