JOIN OUR
MAILING LIST




Continue to website >>

Articles

  • L-Ewropa Tieghek – Fondi Ewropej : It-Torca

    Posted Oct 21st, 2011 By in Articles With | No Comments

    L-Ewropa Tiegħek

    F` din il-paġna ta` darba f`xahar, AARON FARRUGIA qiegħed iwieġeb mistoqsijiet tal-qarrejja dwar temi marbuta mal-Unjoni Ewropea. L-għan ta` din il-pagna , bit-titlu l-Ewropa Tiegħek, hu li l-qarrejja jiksbu iktar għarfien dwar id-drittijiet li tagħtihom l-Unjoni Ewropea u dwar xi jfissru għalina l-Maltin id-decizjonijiet li jkunu qegħdin jittieħdu fi Brussell.

    Għalekk int imħeġġeġ biex jekk għandek xi mistoqsijiet dwar id-drittijiet tiegħek bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew tixtieq tagħrif dwar kif jaħdmu l-istituzzjonijiet Ewropej tibgħat email fuq farrugia.aaron@gmail.com bil-mistoqsija tiegħek. Tweġibiet jingħataw f`din il-paġna. Intant din il-ġimgħa Farrugia jwieġeb għadd ta` mistoqsijiet relatati ma` l-għajnuna finanzjarja li pajjiżna qiegħed jirċievi mill-Unjoni Ewropea.

    Introduzzjoni:

    F` dawn l-aħħar ġimgħat numru ta` qarrejja tal-ġurnal It-Torċa għamlu kuntatt miegħi jistaqsuni x` għajnuna finanzjarja qiegħed jirċievi pajjiżna mill-Unjoni Ewropea. Dan hu suġġett li smajna ħafna dwaru speċjalment  fix-xhur ta` qabel il-poplu Malti ivvota f`referendum konsultattiv biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Uħud huma interessati dwar jekk il-Gvern Malti huwiex jonfoq il-fondi kollha allokati għalina, oħrajn jistaqsu kemm qed nagħtu lura minn dawn il-flus f` taxxi u oħrajn jistaqsu jekk hemmx abbuz u min qiegħed jieħu ħsieb it-tħaddim ta` dawn il-fondi. Mistoqsijiet relevanti ħafna meta tikkunsidra li l-għaqal tal-Gvern Malti jiddetermina jekk pajjiżna jassorbix il-fondi allokati lilna u b`hekk nibqgħu pajjiż benefattur u mhux kontributur u li l-programmi għal-ħaddiema, zgħazagħ u intraprizi fost ħafna oħrajn jiġux mwaqqfa jew sospiżi sforz l-inkompetenza ta` min suppost qiegħed imexxihom.

    X` bagit għandha l-Unjoni Ewropea?

    Ikun tajjeb li wieħed jibda billi jagħti ħarsa lejn il-baġit tal-Unjoni Ewropea li ġeneralment jinħadem għal kull sitt snin. Għaldaqstant fl-2006 il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew flimkien ma` numru ta` istituzzjonijiet oħra qablu li l-baġit għas-snin 2007-2013 ikun ta` €865 biljun ewro. Dawn il-flus jiġu iġġenerati minn numru ta` sorsi fosthom persentaġġ mill-Gross National Income ta` kul Membru Stat u taxxi u dazzji fuq dħul ta`prodotti jew servizzi minn pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea f-wieħed mill-Membri Stati. Kwart ta` dawn it-taxxi jmorru għal pajjiż li jkun ġabar dawn it-taxxi filwaqt li l-kumplament imorru għal baġit ta` l-Unjoni Ewropea. Sors ieħor huwa parti mill-VAT li l-Membru Stat ikun ġabar miċ-ċittadini ta` dak il-pajjiż. Iktar minn hekk, dawk il-fondi li ma jkunux intefqu, multi li l-Unjoni Ewropea tkun għamlet fuq pajjiżi li jkunu kisru xi direttiva u flus oħra li jidħlu minn programmi ma` pajjiżi li mhumiex membri jgħaddu għal-baġit tas-sena ta` wara.

    Kemm qiegħed jirċievi fondi pajjiżna?

    Fil-baġit preżenti għas-snin 2007-2013, pajjiżna jagħmel parti min-numru ta` pajjiżi li għandhom status ta` Objective 1, li jfisser li dawn jingħataw iktar fondi milli joħorgu. Malta ingħatat dan l-istatut minhabba l-fatt li ghandha Prodott Gross Domestiku (GDP) inqas minn 75 fil-mija tal-medja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt sal-2013 pajjizna ghandu jkun ircieva madwar €1 Biljun ewro u jkun radd lura lill-Unjoni Ewropea nofs din is-somma.

    Il-Ġermanja hi fost dawk il-pajjiżi li toħrog iktar flus milli iddaħħal flimkien ma` Franza u fl-2009 ġiet dikjarata bħala l-iktar pajjiż li tat l-ikbar kontribut lill-baġit tal-Unjoni Ewropea filwaqt li l-Polonja u l-Greċja huma fost l-iktar pajjiżi li jirċievu fondi iktar milli joħorġu. F` sena waħda biss, il-Polonja tirċievi madwar €6.1 biljun ewro f` fondi ta` koezjoni filwaqt li tati lura wadwar €3.1 biljun ewro.

    Fiex qegħdin jintefqu dawn il-fondi?

    Sal-2013, €855 Miljun Ewro għandhom ikunu ingħataw lill-Malta f`fondi ta` koezjoni, €84 miljun ewro għal żvilupp rurali u sajd, €126 Miljun ewro għal-proġetti li għandhom x` jaqsmu mal-ġustizzja u affarijiet interni ta` pajjiżna, €25 miljun ewro għal pjan Ewropew għall-irkupru ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, €5.3 miljun ewro għal fondi marbuta mas-sħubija ta` Malta fl-Unjoni Ewropea u madwar  €63.7 miljun ewro fi ħlasijiet għal bidja f Malta u programmi għaż-żgħażagħ.

    Ma` dawn il-fondi li semmejt, wieħed għandu jżid fondi li jiġu taħt programmi oħra.

    Pajjizna qiegħed juża l-fondi kollha allokati?

    Nafu li l-baġit preżenti jintemm fis-sena 2013 biex imbad ikun hemm baġit ieħor għas-snin 2014-2020. Jidher li pajjiżna sal-lum il-ġurnata nefaq madwar nofs il-fondi allokati għal-proġetti, li jlaħħqu madwar €855 Miljun ewro. Dan ifisser li pajjiżna għandu allokazzjoni ta` madwar €122 Miljun ewro fis-sena. Skond rapport finanzjarju maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, pajjiżna irċieva 50 fil-mija biss għas-snin 2007 u 2009.  Dan jista jkun minħabba li pajjizna ma` applikax għal biżżejjed proġetti biex jimmassimizza l-fondi allokati lilu jew inkella dawn l-istess proġetti ma tlestewx skond id-deadlines li ingħataw u għaldaqstant numru ta` dawn il-fondi intilfu. Il-biza hi li dawn il-fondi, jekk jintilfu ma jerħgħux ikunu allokati lill-pajjiżna għal-baġit li jmiss iżda jmorru fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u pajjiżna jkun tilifhom għal kollox.

    Il-Gvern Malti qiegħed jinsisti li dawn il-flus għadhom ma intilfux għax jista jitlobhom sa` massimu ta` tlett snin wara li suppost ikunu ingħataw. B`hekk, il-fondi li suppost ingħataw fl-2010 jistgħu jinghataw xorta wahda jekk il-Gvern Malti jitlob hlas sa` mhux iktar tard mill-2013. Argument iehor tal-Gvern Malti hu li l-ikbar spejjeż fi proġett ma jsirux fil-fazi inizjali izda lejn l-aħħar. Min lat ekonomiku, wieħed ikun iktar għaqli jekk jonfoq il-flus allokati għalih malajr kemm jista jkun u mhux jispiċċa jonfoq dawn il-flus snin wara li suppost ikunu ingħataw. Iktar ma` l-Gvern jonfoq dawn il-flus malajr iktar ikun qiegħed jitfa flus fl-eknomija u allura jkun ikbar il-potenzjal ta` tkabbir ekonomiku.

    Dwar dan kollu, il-Membru Parlamentari Ewropew Edward Scicluna kiteb lill-Kummissjoni Ewropea fejn talab kjarifika dwar l-użu baxx mill-fondi ta’ koezjoni tal-Unjoni Ewropea.

    Min qiegħed imexxi dawn il-fondi?

    Ammont kbir ta` dawn il-fondi huma amministrati minn awtoritajiet nazzjonali pubblici u huma indirizzati għal-numru ta` setturi speċifiċi fosthom l-industrija, it-turiżmu, l-agrikoltura, il-kompettitivita, l-impjiegi,  ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-ambjent. Il-fondi strutturali jintużaw biex entita` jew kumpanija timplimenta proġetti li jaqgħu taħt il-miri u l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea. Fondi oħra jiġu amministrati mill-Kummissjoni Ewropea u għaldaqstant wieħed japplika direttament magħhom. Tajjeb li wieħed jifhem li l-Unjoni Ewropea ma` tiffinanzjax 100% tal-proġett iżda ħafna drabi tiffinanzja 70% jew 75% tal-proġett bil-kumplament jiġu iffinanazjati b` fondi pubbliċi jew fondi tal-entita` li tapplika għal-fondi.

    F` Malta, id-Dipartiment għall-Ippjanar u Koordinazzjoni tal-Prioritajiet (PPCD) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġie mwaqqaf biex jassorbi u jħaddem b` mod effiċjenti l-għajnuna u l-assistenza li l-UE toffri lill-pajjiżna. Dan id-dipartiment jikkordina flimkien ma` dipartimenti, aġenziji u awtoritajiet oħra tal-Gvern u għaqdiet non-governattivi biex ikun hemm tħaddim effiċjenti tas-sistema, minn meta l-entita tapplika għal-fondi sakemm dan il-proġett jitlesta. Meta wieħed jitkellem dwar fondi Ewropej ma jistax jonqos milli jsemmi il-burokrazija li tidħol fiha u għaldaqstant l-importanza ta` dipartiment li jgħaqqad flimkien il-ħidma tal-partijiet kollha.

    Kien hemm żminijiet fejn dawn il-fondi ġew sospiżi?

    Iva. Bejn is-sena 2010 u l-2011, Il-Kummissjoni Ewropea infurmat lil Gvern li s-sospensjoni tal-programmi edukattivi Ewropej għaż-żgħażagħ Lifelong Learning u Youth in Action twaqqfu parzjalment. Iż-żewġ programmi kienu sospiżi wara dak li ssejjaħ mill-Kummissjoni Ewropea mismanagement tal-fondi. F’ittra mibgħuta mill-Kummisarju Ewropew Androulla Vassilou lill-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina hi kkonfermat li l-programmi kienu ġew parzjalment sospiżi.

    Is-sospensjoni ta` dawn il-fondi fissru li mijiet ta` żgħażagħ tilfu opportunitajiet kbar. Ftit taz-zmien ilu l-Kummissjoni Ewropea tat l-approvazzjoni tagħha biex jibdew il-preparamenti għal-programmi edukattivi għal din is-sena kif ukoll biex jibda l-proċess biex jintlaqgħu proposti għall-proġetti futuri taħt il-programmi Life Long Learnng u Youth in Action.

    Għandna garanzija li Malta se tibqa tirċievi iktar fondi mill-toħroġ?

    Diġa bdew il-negozjati fl-Istituzzjonijiet Ewropej għal-baġit li jmiss, jiġifieri dak għas-snin 2014-2020. Dawn in-negozjati se jkomplu fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif il-baġit preżenti jispiċċa fis-sena 2013. L-għan ta` pajjiżna hu li fil-baġit li jmiss jibqa fost dawk il-pajjiżi li jirċievu iktar fondi milli joħorġu. Nafu li fost is-sebgħa u għoxrin Membru Stat, hemm numru ta` pajjiżi li huma kontributuri u mhux benefatturi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea. Jirriżulta li bis-sħubija fl-UE tal-Bulgaria u r-Romania fl-2007, il-medja tal-Prodott Gross Domestiku tal-UE naqas b`mod li jista jħalli effett fuq numru ta` pajjiżi, fosthom Malta. Madanakollu l-Gvern Malti għandu kaz ċar li se jmexxi l-quddiem biex pajjiżna ma` jingħaqadx  ma` dawk il-pajjiżi kontributuri iżda jibqa jibbenefika mil-vantaġġ li ghandu illum il-ġurnata sas-sena 2020.

    • delicious
    • digg
    • reddit

Leave a Reply


No comments yet. Be the first!