Fil-jiem li ġejjin se nsiefer f’pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropeja. Xi drittijiet għandi bħala ċittadin Ewropew?
Ninsabu eżatt f’nofs ix-xhur tas-Sajf u numru kbir ta’ nies fostna jagħżlu li jqattgħu xi jiem ta’ btala f’pajjiż ieħor. Huwa importanti li qabel issiefer waħdek jew flimkien mall-familja tiegħek, taġġorna ruħek dwar id-drittijiet li għandek biex tieħu azzjoni immedjata f’każ li tiltaqa’ ma’ xi problemi. Illum il-konsumatur fl-Unjoni Ewropeja igawdi minn għadd ta’ benefiċċji u fl-aħħar snin il-Kummissjoni Ewropeja ħadmet biex dawn id-drittijiet u benefiċċji jiġu armonizzati.
Kien hemm delay jew it-titjira ġiet ikkanċellata. X’tista’ tagħmel?
Ħafna drabi jkun hemm delays qosra li ma jaffettwawniex daqstant. Madanakollu, l-kumpanija tal-ajru hi obbligata li tieħu ħsieb il-passiġġieri tagħha billi tinformahom bid-drittijiet kollha tagħhom, tipprovdilhom xi xorb u ikel u jekk hemm bżonn, kif ukoll akkomodazzjoni. Il-kumpanija tal-ajru hi obbligata ukoll tagħtik l-għajnuna kollha biex tasal fid-destinazzjoni tiegħek malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk, f’każ li ġejt mgħarraf lit-titjira tiegħek se ddum biex titlaq, itlob għad-drittijiet kollha taħt il-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja. Dawn il-liġijiet japplikaw kemm għal dawk il-passiġġieri li se jitilqu minn ajruport fl-pajjiż tal-Unjoni Ewropeja u kemm jekk it-titjira tiegħek se tieqaf f’pajjiż tal-Unjoni Ewropeja. F’każ lit-titjira se ddum iktar minn ħames siegħat, allura tista’ titlob il-flus kollha lura fi żmien sebgħa t’ijiem jew alternattiva oħra biex tasal fid-destinazzjoni tiegħek.
F’każ li l-kumpanija tal-ajru ħadet numru ta’ bookings aktar milli suppost u int mhux se tingħata aċċess għal dik it-titjira, allura tista’ titlob lill-kumpanija ssiblek titjira oħra filwaqt li titlob kumpens fi flus. Nissuġġerilek li tkellem lir-rappreżentanti tal-kumpanija qabel tieħu azzjoni. F’ċirkostanzi straordinarji, fejn it-titjiriet jiġu ikkanċellati minħabba s-sħaba ta’ rmied mill-vulkan Iżlandiż, il-kumpanija tal-ajru għandha tipprovdi ikel u akkomodazzjoni.
Ma tiflaħx jew weġġajt waqt li int imsiefer.
Jekk int jew ħaddieħor li qiegħed jakkumpanjak weġġa’ jew hemm każ ta’ mard, allura bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropeja għandek dritt għall-istess faċilitajiet u s-servizzi kollha aċċessibbli għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż. L-importanti hu li jkollok il- European Health Insurance Card (jew dik li qabel kienet tissejjaħ l-E111 Card). F’każ li ma jkollokx din il-card miegħek, int għandek dritt li tingħata l-istess servizzi iżda jista’ jkun hemm talba għal ħlas. L-aħjar l-ħaġa hi li tagħmel din il-card mill-aktar fis possibbli. Din issir b’xejn mill-Ministeru għall-Politika Soċjali jew billi żżur dan is-sit:
https://ehealth.gov.mt/healthportal/online_services/ehic_form.aspx
Il-kontijiet tat-telefon ċellulari (roaming) waqt li int imsiefer
L-Unjoni Ewropeja ħadet azzjoni biex l-ispejjeż tal-użu tat-telefon ċellulari waqt li int tkun imsiefer f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropeja jonqsu. Illum għandek issib rati kompetittivi meta tiġi biex iċċempel jew tibgħat sms. Malli tasal fid-destinazzjoni, l-kumpanija tat-telefon ċellulari tiegħek hi obbligata li tinformak bil-prezzijiet li int se jkollok tħallas f’dak il-pajjiż. B’xorti ħażina r-rati biex wieħed ikun jista’ jidħol fl-internet għal browsing jew biex jaqra’ l-emails tiegħu għadhom mhux armonizzati u m’hemm ebda regolamenti dwarhom. B’hekk dawn għadhom għoljin. Il-parir tiegħi hu li tiċċekkja r-rati mall-kumpanija tat-telfon ċellulari tiegħek qabel issiefer. Biex tipproteġi l-konsumatur, l-Unjoni Ewropeja flimkien mall-kumpaniji tat-telefons ċellulari ddeċidew li jkun hemm limitu ta’ kemm wieħed jista’ jonfoq f’web browsing. B’hekk meta wieħed jonfoq €50, jrid jagħżel hu jżidx il-limitu jew jieqafx. Dan sar biex ebda’ konsumatur ma’ jidħol fi spejjeż kbar jekk ma jkunx bil-prezzijiet tal-web browsing fuq it-telefon ċellulari tiegħu.
Xtrajt xi affarijiet minn pajjiż ieħor
Il-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja jagħtu importanza kbira lill-konsumatur speċjalment meta dan jixtri xi affarijiet jew servizzi minn pajjiżi ieħor fl-Unjoni Ewropeja. Jekk xtrajt xi affarijiet waqt il-vaganzi tiegħek f’pajjiż ieħor u meta ġejt lura sibt li dan il-prodott hu differenti minn dak li ġie spjegat lilek jew saħansitra ma jaħdimx, allura int għandek dritt tikkuntattja lill-bejjiegħ u titlob li dan jissewwa’, jinbidel jew tingħata il-flus lura. Il-parir tiegħi hu li dejjem iżżomm l-irċevuta ta’ kull oġġett jew servizz li tixtri. F’każ li l-bejjiegħ ma’ jagħtix każ l-ilment tiegħek, allura għandek tinforma lill-Awtorità tal-Konsumatur ġewwa pajjiżna.
Se ssiefer f’pajjiż ieħor li mhuwiex Membru tal-Unjoni Ewropeja
Is-safar lill-hinn mill-konfini tal-Unjoni Ewropeja huwa komuni f’dawn ix-xhur. Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt ta’ għajnuna u protezzjoni ta’ ambaxxata jew konsolat. Dan ifisser li jekk int titlef il-passaport f’pajjiż li m’hemmx ambaxxata Maltija, int tista’ tfittex l-għajnuna kollha li għandek bżonn f’Ambaxxata jew Konsulat ta’pajjiż ieħor stat membru fl-Unjoni Ewropeja. Riċentement il-Ġermanja evakwat ċittadini minn tmintax-il pajjiż differenti waqt it-terremot fil-Ġappun.
112 Telefonati ta’ emerġenza
F’każ ta’ emerġenza f’kull pajjiż fl-Ewropa u mhux biss dawk membri fl-Unjoni Ewropeja, dejjem ftakar dan in-numru. Ladarba ċċempel dan in-numru int tkun tista’ titlob l-għajnuna kollha li teħtieġ. Dan in-numru għandek aċċess għalih anke mit-telefon ċellulari tiegħek. Kun preparat biex tagħti ismek, il-lokazzjoni fejn tinsab u l-għajnuna li għandek bżonn.
Persuni li għandhom diżabilità
Bħala persuna diżabbli int għandek dritt tagħżel il-linja tal-ajru tiegħek u fl-ebda waqt ma tista’ tiġi mċaħħad milli tuża’ s-servizz tagħha minħabba d-diżabilità tiegħek. Jeżistu eċċezzjonijiet żgħar f’dan il-qasam u xi drabi l-kumpanija tal-ajru tista’ titlob li tiġi akkumpanjat biex il-liġijiet marbuta mas-sigurtà jiġu osservati.
F’każ lit-talba tiegħek tiġi rrifjutata, l-kumpanija tal-ajru għandha ttik raġuni għal din iċ-ċaħda bil-miktub fi żmien ħamest’ijiem. Persuna diżabbli għandha tingħata assistenza fiżika bla ħlas fl-ajruport u għandha id-dritti ta’ servizzi anċillari fosthom, dak bla ħlas ta’ siġġu tar-roti. Jekk dan is-servizz ma jingħatax, il-kumpanija tal-ajru tista’ teħel multi kbar.
Ftakar:
- 1. Jekk se tivvjaġġa bl-ajru u ma titħalliex titla’ fuq l-ajruplan minħabba overbooking, jew it-titjira ġiet ikkanċellata bla avviż jew damet biex titlaq iktar minn ħames siegħat wara l-ħin, għandek dritt titlob lura l-flus li ħallast jew titlob biex il-kumpanija issiblek rotta oħra biex tasal fid-destinazzjoni tiegħek malajr kemm jista’ jkun.
- 2. Kull kumpanija għandha tinformak bid-drittijiet kollha tiegħek dak il-ħin u ma tistax tirrifjuta milli tgħinek jew tagħtik kumpens monetarju.
- 3. Jekk il-bagalja tiegħek intilfet jew kellha xi ħsarat waqt it-titjira, għandek dritt titlob għall-kumpens fi flus, f’ċifra massima ta’ madwar €1,200, sa mhux aktar tard minn ġimgħa f’każ li l-bagalja kellha xi ħsarat u mhux aktar tard minn 21 jum l-bagalja damet biex waslet.
- 4. Ftakar li ma tistax iġġorr iktar minn litru f’likwidi fil-hand luggage. Dawn il-likwidi għandhom jitpoġġew f’kontenituri li ma jeċċedux il-mitt millilitru kull wieħed.
- 5. Jekk int passiġġier li għandek diżabilità, għandek tkun taf li ebda kumpanija ma tista’ tiċħad li taqdik meta tiġi biex tixtri l-biljett, kemm jekk se ssiefer bl-ajru u kemm jekk fil-pajjiż li sejjer fih se tivvjaġġa bit-trejn. Għandek ukoll dritt titlob assistenza b’xejn qabel, waqt u wara l-vjaġġ.









No comments yet. Be the first!