JOIN OUR
MAILING LIST




Continue to website >>

Articles

  • Generazzjoni Progressiva fit-tmexxija ta` pajjizna – Kullhadd

    Posted Oct 21st, 2011 By in Articles With | No Comments

    Ġenerazzjoni Progressiva fit-tmexxija ta` pajjiżna

    L-aħħar stħarriġ li sar ġewwa pajjiżna dwar l-appoġġ politiku li għandhom il-mexxejja u l-partit politiċi rispettivi tagħhom jagħti verdett ċar – Iż-żgħażagħ abbandunaw lill-GonziPN. Verdett li jkompli jikkonferma kif il-Partit Nazzjonalista (PN) mhux biss tilef l-appogġġ tal-middle class izda illum il-ġurnata tilef saħansitra l-appoġġ taż-żgħażagħ, li għal snin twal, fil-maġġoranza tagħhom dejjem ivvutaw lill-Partit Nazzjonalista u kienu strumentali biex jagħtu rebħa lill-istess PN fl-elezzjonijiet tal-1998, 2003 u l-2008.

    Wieħed jistaqsi x`wassal biex fi żmien qasir il-Partit Laburista (PL) sar il-partit naturali taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.  Titkellem magħhom fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom u minn fuq il-campus fl-Universita. Jgħidulek li l-fatt li l-PL għandu Mexxej żagħżugħ jilgħab parti importanti għax qiegħed ġurnata wara l-oħra jifhem u jaqsam il-preokuppazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Iżda mhux biss. Il-mod ta` kif il-PL iħares lejn il-futur ta` pajjizna b`kuraġġ, il-fatt li huwa partit ambizzjuz flimkien mal-faqar ta` ideat u nuqqas ta` viżjoni fil-Partit Nazzjonalista kienu fatturi importanti ħafna. Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali iż-żgħażagħ fehmu li l-irħis, għali.

    Fil-maġġoranza assoluta tagħhom, iż-żgħażagħ jiddejqu mill-politika partiġġjana. Kienu iddiżappuntati bil-Prim Ministru u sħabu fil-festi tal-Indipendenza meta minflok ma` tkellmu dwar l-isfidi li dawn iż-żgħażagħ għandhom fil-preżent, minflok ma` tkellmu dwar kif pajjiżna se joffrilhom opportuntajiet ġodda biex ikunu jistgħu huma stess iwasslu lill-Malta biex tkun fost l-aqwa fl-Ewropa, minflok ma` tkellmu dwar għada u pitgħada, semgħu biss diskors isteriku dwar il-bieraħ, mimli tgħajjir u għajjat. Semgħu diskorsi ta` firda, ta` aħna u huma minflok diskors dwar il-valuri u l-prinċipji li jgħaqduna ilkoll bħala Maltin, f`jum nazzjonali.

    Il-verita hi li għalina iż-żgħażagħ huma dik il-parti tas-soċjeta tagħna li hi l-iktar preparata biex tilqa l-politika ġdida progressiva tagħna u tħaddanha. Żgħażagħ għatxana għal-mod ġdid kif issir il-politika bl-ghan li tagħti l-possibilita għal-mobilita soċjali u politici li minflok jintilfu jiddefendu politika li ma` tat ebda riżultati, iridu mexxejja li lesti jieħdu id-deċiżjonijiet kuraġġjużi fl-interess ta` pajjiżna. Iridu politika li tagħti protezzjoni lill-dawk kollha li jaħdmu, leġislazzjoni fejn titlob li kull min jaħdem għandu jkun rapreżentat f` Union iżda imbad fl-istess ħin nifs u għajnuna lill-imprenditur biex ikompli jkabbar u jħaddem iktar nies miegħu u mhux politika ta` għira bejn klassi u oħra. Iridu Gvern tax-xogħol – li jgħin lill-min jaħdem l-iktar, fejn min iħabrek jiġi premjat u mhux jiġi premjat l-għażżien. Żgħażagħ li jemmnu li pajjiżna għandu jibqa joffri is-servizzi soċjali li welled il-Partit Laburista fis-sebgħinijiet u li bnew fuqu Gvern wara l-ieħor iżda li jinċentiva lill-dak li jkun biex jekk jista jaħdem jimxi għad-dinja tax-xogħol u mhux jibqa id-dar. Iridu Gvern li lest jieqaf lill-numru kbir ta` rackets li fnew lill-pajjizżna.  Iridu Gvern li jagħti stabbilita, li jgħidilhom il-verita, li ma jagħmilx wegħdiet li ma` jistax iwettaq. Iridu Gvern li ma` jitkellimx biss fuq id-drittijiet iżda wkoll dwar ir-responsabilitajiet, konxju ta` dak li qiegħed jiġri madwarna lill hinn min xtutna. Gvern li jfassal il-politika tiegħu madwar il-familja u l-komunita. Gvern progressiv għax jafu li status quo m`hu se jwassalna imkien. Iridu Gvern immexxi minn Prim Ministru li jagħraf is-sinjali taż-żminijiet u mhux kap li hu maqtugħ mir-realtajiet li jgħixu il-familji Maltin bħal ma` ġara fir-referendum għad-dħul ġewwa pajjiżna ta` leġislazzjoni favur divorzju responsabbli.

    Il-Ħadd li għadda il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) niedew il-kampanja START bil-għan li tħeġġeġ liż-żgħażagħ jersqu ’l quddiem u jipparteċipaw b’mod attiv fil-lokalità tagħhom. Attendejt flimkien ma` sħabi fl-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista biex nagħti l-appoġġ kollu tiegħi lill din l-inizjattiva u lill-Eżekuttiv tal-FŻL li qed jagħmlu ħidma kbira li qed tħalli il-frott mixtieq. Iltqajt ma` żgħażagħ attivisti fil-politika iżda tkellimt ma` ħafna oħrajn li qaluli li din kienet l-ewwel attivita politika għalihom. Resqu lejn il-PL għax b` kuntrast mal-PN li dejjem uża liż-żgħażagħ bħala kontorn għal photoshoots mal-Kap tagħhom, il-PL qiegħed iħeġġiġhom ikunu fuq quddiem nett fit-tmexxija lokali.

    Ilkoll konxji li biex il-politika li qiegħed jipproponi il-PL tirnexxi, hemm bzonn mhux biss ta` ħidma bejn il-forzi progressivi kollha, ta` inċentivi u miżuri ġodda, iżda ukoll bidla fil-mentalita. Irridu nikkonvincu lill-poplu Malti li biex pajjiżna verament jagħmel qabża l-quddiem u jaspira li jkun fost l-aqwa fl-Ewropa, irridu nkabbru l-ekonomija tagħna u nħarrġu l-istudenti tagħna fl-industriji l-ġodda. Mhux faccli tibdel il-kultura u l-mentalita. Mhux faċċli tikkonvinci student jagħżel li jistudja f`setturi ġodda minn dak li għażlu ta` qablu. Mhux faċċli tikkonvinċi li biex inkabbru l-ekonomija il-livell ta` nisa jaħdmu ġewwa pajjiżna irid jiżdied b`rata ferm ikbar mill-56% li għandna bħalissa. Lanqas mhu faċċli tikkonvinċi lill-imprenditur Malti jinvesti flusu fis-settur tal-enerġija jew li jinvesti fil-ħaddiema tieghu biex dawn jithargu f` ħiliet ġodda.

    L-isfidi quddiemna huma kbar. Iżda l-istess huma l-ambizzjonijiet li għandna għal-pajjiżna.  Il-Partit Laburista, illum il-ġurnata bl-appoġġ tal-familji ħabrieka, il-middle class, l-imprendituri u l-aħħar iżda mhux l-inqas iż-żgħażagħ se jkun qed iwassal lill-pajjiżna fost l-aqwa pajjiżi fl-Unjoni Ewropea għax tabilħaqq nemmen li l-poplu Malti illum irid ikun PARTEĊIPI u mhux biss osservatur fis-suċċess ta` pajjiżna permezz ta` politika progressiva li l-Partit Laburista biss jista joffri .

    Aaron Farrugia

    Membru fl-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista u Chairman tal-Fondazzjoni IDEAT

    • delicious
    • digg
    • reddit

Leave a Reply


No comments yet. Be the first!